Storja tal-Knisja
L-ewwel parti: Dwar il-Prezenza Agostinjana fil-Belt Valletta
Il-prezenza Agostinjana fil-Belt Valletta tmur lura fi żmien ta’ wara l-Assedju l-Kbir ta’ l-1565, meta l-Gran Mastru Jean de la Valette iddeċieda li jsaħħah il-Għolja ta’ Sciberras u jibni fuqha belt ġdida f’kaz li t-Torok jerġgħu jattakkaw lil Malta. L-ewwel ġebla ta’ din il-belt il-ġdida, imsemmija għalih – Valletta, tqiegħdet fit-28 ta’ Marzu 1566. F’dik l-okkazjoni, l-Agostinjan Taljan minn Vicenza, Patri Spirito Angosciola, għamel id-diskors inawgurali li baqa’ msemmi. Sfortunatament, il-Gran Mastru La Valette miet f’Awwissu 1568 mingħajr ma laħaq ra l-belt tiegħu lesta. Warajh, laħaq it-Taljan Pietro del Monte li mill-ewwel ħaseb li jkompli l-pjanti mibdija minn dak ta’ qablu. Biex aktar iħajjar in-nies titla’ tgħix fil-belt il-ġdida, Del Monte beda jqassam xi artijiet lill-ordnijiet reliġjuzi ħalli jibnu huma wkoll il-knejjes tagħhom. Il-patrijiet Agostinjani tar-Rabat, talbu u qalgħu biċċa art fil-kwartier numru 43, li kienet tmiss ma’ erba’ toroq – Strada Del Monte (illum Triq San Gwann), Strada San Giovanni (illum Triq l-Ifran), Strada Pia (illum Triq Melita) u Strada San Sebastiano (illum Triq Zekka). Il-kuntratt ġie iffirmat fl-10 ta’ Mejju 1571 u immedjatament bdew jinbnew il-knisja u l-kunvent, fuq id-disinn ta’ l-Arkitett Glormu Cassar bit-titular tal-Madonna tas-Sokkors għalkemm il-kunvent kien igib l-isem ta’ Santu Wistin. Hu hafna probabli li l-ewwel knisja Agostinjana fil-Belt inbniet fil-kantuniera ta’ Strada San Sebastiano u Triq San Mark tal-llum bil-bieb ewlieni fi Strada San Sebastiano. Ix-xogħol tal-bini kellu jitwaqqaf għal ftit taż-żmien minħabba li ma ntalabx il-permess meħtieġ mingħand l-Isqof Mons F.D. Martin Royas. Madanakollu, fl-1 ta’ Novembru 1574, Patri Awrelju Axiaq, Pirjol tar-Rabat reġa’ akkwista s-setgħa li jkun jista’ jkompli x-xogħol tal-bini, permezz ta’ ittra mibgħuta lilu mill-istess Isqof.
Wara kwazi mitejn sena minn meta l-patrijiet bdew jaqdu d-dmirijiet pastorali fl-ewwel knisja tagħhom fil-Belt Valletta, kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent, urġentament kellhom bzonn tiswijiet kbar. Minħabba f’hekk il-patrijiet dehrilhom li jkun jaqbel jekk iħottu kollox u jibnu mill-ġdid. Biex tinbena knisja ġdida, ġiet magħzula l-kantuniera ta’ Triq l-Ifran ma’ Triq San Gwann, art li kienet qiegħda tigi akkwistata mill-patrijiet b’titli ta’ xiri u tpartit. Fis-7 ta’ Jannar 1765 tqiegħdet l-ewwel ġebla għall-knisja u l-kunvent ġdid. Meta x-xogħol fuq il-bini tal-knisja kien laħaq mexa ‘l quddiem sew, fl-1779 miet l-arkitett Giuseppe Bonnici u x-xogħol tkompla mill-arkitett Antonio Cachia, wara żewġ tibdiliet li għamel. Minħabba nuqqas ta’ fondi li ħoloq djun kbar u sagrifiċċji mhux zghar lill-patrijiet, il-bini kollu ma setgħax jispiċċa qabel tletin sena, jigifieri fis-sena 1794, erba’ snin biss qabel l-okkupazzjoni Franciza. Fis-7 ta’ Mejju 1785, il-knisja kienet uffiċċjalment inawgurata għalkemm kien għad fadal disa’ snin biex jitlesta kollox. Mons. Vincenzo Labini, Isqof ta’ Malta bierek il-knisja u ttrasporta s-Sagrament mill-knisja l-qadima għall-oħra l-ġdida.
Mal-wasla u l-okkupazzjoni tal-Francizi fil-Gzejjer Maltin, bdew jingħataw diversi ordnijiet u joħorġu digrieti, fosthom li l-ordnijiet religjuzi f’Malta ma setax ikollhom aktar minn kunvent wieħed. Fil-fatt, lil kull ordni religjuz ħallewlu biss dak il-kunvent li l-aktar kien fqir bil-ħsieb li jkollhom aktar x’jaħtfu mill-kunventi magħluqa. B’xorti ħazina, il-patrijiet Agostinjani tħallewlhom biss il-kunvent ta’ Għawdex li dak iz-zmien ma tantx kien f’kundizzjoni sabiħa. Iż-żewġ kunventijiet, tal-Belt u tar-Rabat, għaddew f’idejn il-Franċizi b’kulma kien fihom. Minħabba li r-reliġjuzi Agostinjani tar-Rabat u tal-Belt ma setgħux jinġabru fil-kunvent ta’ Għawdex, il-maġġoranza marru joqgħodu mal-familji tagħhom. Il-knisja, jekk mhux ukoll il-kunvent, kienu mogħtija lura lill-patrijiet bejn Dicembru 1800 u Jannar 1801. Hekk kif rritornaw lura, il-patrijiet Agostinjani reġgħu bdew isebbħu lil dan it-tempju wara li ġie mnezza’ minn kull fidda u deheb, filwaqt li kompla għaddej ir-restawr tal-postijiet.
Fl-14 ta’ April 1815 ġie pproponut li jsiru xi tibdiliet fl-istrutturi tal-kor. Iż-żewg bibien tal-kor ġew magħluqa u nfetaħ bieb wieħed fin-nofs, taħt l-istatwa tal-ġebel ta’ Santu Wistin, skolpita mill-aħwa Gerolamo u Francesco Fabri, skulturi Maltin mill-Birgu fis-seklu 18. L-Artal Maġġur ukoll resaq xi tlieta jew erbgħat ixbar ‘l barra. Fl-24 ta’ Awwissu 1834, Mons. Publio Sant ikkonsagra l-Artal Maġġur flimkien ma’ dak ta’ San Nikola minn Tolentino filwaqt li l-artal tal-Lunzjata ġie kkonsagrat mill-Isqof Agostinjan Mons. Gejtanu Pace Forno fis-26 ta’ Awwissu 1863. Fl-1 ta’ Novembru 1844, ġie ipproponut li jinbena kampnar fuq il-pjanta ta’ l-arkitett Luigi Bonavia. Ix-xogħol, li ngħata lil Anton Mamo, tlesta f’Mejju tas-sena ta’ wara (il-kampnar tal-lemin u li ma ġarrab ebda hsara fit-Tieni Gwerra Dinjija kien mibni fl-1912). Hekk kif tlesta dan ix-xogħol u xi restawr fil-faċċata tal-knisja, il-Provinċjal Gejtu Pace Forno ircieva mingħand il-Ġeneral ta’ l-Ordni biex jagħmel Edukandarju għal dawk iż-żgħazagħ li xtaqu jħaddnu l-Ordni Agostinjan. Il-Provinċjal wera x-xewqa li jagħmel dan l-edukandat fil-kunvent tal-Belt u għaldaqstant, inbena sular iehor, taħt it-tmexxija tal-perit Antonio Ruggieri, li tlesta fis-7 ta’ Lulju 1848. Fit-22 ta’ Marzu 1871, l-Isqof Mons. Gejtanu Pace Forno kkonsagra l-artali taċ-~intura, ta’ San Ġwann minn Sahagún u tal-Madonna tas-Sokkors. Ftit zmien wara, saru żewg kwadri kbar fil-kor, li huma xogħol tal-pittur Ruman, Domenico Bruschi. Wieħed jirraprezenta l-Magħmudija ta’ Santu Wistin (mpitter fl-1875) filwaqt li l-iehor jirraprezenta lil Santu Wistin jippriedka (mpitter fl-1879). Fl-1 ta’ Lulju 1906, l-Isqof t’Ghawdex, Mons. Giovanni M. Camilleri OSA ikkonsagra solennement il-knisja u mill-ġdid l-Artal maġġur.
Mal-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-kannierja tal-Knisja bdiet isservi bħala kenn għal hafna nies, li kienu jorqdu wkoll ġewwa fiha. Fl-20 ta’ Mejju 1941, il-kunvent ta’ l-Agostinjani fil-belt Valletta ntlaqat bil-bombi ta’ l-ajru u ġarrab ħsarat kbar, speċjalment il-kantuniera ta’ Triq Zekka u Triq San Mark, fejn kien u għadu r-refetorju (din kienet l-istess kantuniera fejn kienet l-ewwel knisja tagħna). Ftit anqas minn sena wara, fl-4 ta’ April 1942, f’attakk iehor mill-ajru ġiet milquta l-knisja fil-kantuniera ta’ Triq l-Ifran ma’ Triq San Ġwann. Dik il-kantuniera tal-kampnar il-qadim u parti kbira mill-kappella tal-Qalb ta’ Ġesu’ spiċċaw għal kollox. Għaldaqstant, il-patrijiet kollha nġabru fil-kunventi tar-Rabat u ta’ Għawdex, ħlief xi tnejn jew tlieta biex qagħdu jgħassu dak li kien baqa’ mill-knisja u l-kunvent. Malli spiċċat il-gwerra, kemm il-knisja kif ukoll il-kunvent, reġgħu nbnew kif kienu, b’xi tibdil ċkejken fil-kunvent. L-artal tal-Qalb ta’ Gesu’ reġa’ nbena mill-ġdid u ġie kkonsagrat mill-Isqof Agostinjan Mons. Agostino Addeo fis-7 ta’ Mejju 1953. Minflok l-istatwa ta’ Santu Wistin li kienet fil-kantuniera li ġġarrfet, saret oħra tal-ġebel mill-iskultur Marku Montebello. Dik kienet mikxufa u mbierka il-add 3 ta’ Ottubru 1948. Wieħed mill-ħafna xogħolijiet artistiċi fil-knisja tagħna hu zgur il-pulptu sabiħ ta’ rħam magħmul fuq id-disinn tal-Kav. Vincenzo Bonello. Il-partijiet ta’ l-iskultura u l-mudelli tagħhom saru mill-Professur Carlo Pigi minn Ruma. Dan il-pulptu ġie mbierek u nawgurat il-Ħamis 15 ta’ Ġunju 1950.
L-isbah parti ta’ l-istorja tal-Knijsa tagħna fil-Belt Valletta madanakollu seħħet il-Ħadd 21 ta’ Jannar 1968. B’ittra Pastorali ta’ Mons. Arcisqof Michael Gonzi li nqrat fil-knejjes kollha ta’ Malta, tħabbar uffiċjalment li l-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta saret Parroċċa. Din il-parroċċa ġdida, li ħarġet minn dik ta’ San Duminku u tħaddan kwart mill-popolazzjoni tal-Belt, bdiet tħaddem id-drittijiet tagħha bħala parroċċa fl-1 ta’ Frar 1968. Patri Salv Portelli OSA intagħzel bħala l-ewwel kappillan tal-parroċċa l-ġdida, li ġiet inawgurata solennement fl-10 ta’ Marzu 1968. Minn mindu l-knisja saret parroċċa, il-komunita’ ħasbet biex tagħmel statwa ta’ Santu Wistin fuq mudell li hemm fil-kor u fil-fatt, din l-istatwa ġiet maħduma fi Spanja fuq l-abbozz ta’ l-iskultur Vincenzo Apap u ġiet imbierka mill-Provinċjal Patri Eġidju Galea fil-21 ta’ Awwissu 1972. Wara xi snin, l-istess statwa ġiet imlibsa b’kamzu u stola sbieħ li taw xejra isbaħ lil Santu Wistin, li kien liebes il-kappa u l-mitra fuq it-tonika sewda Agostinjana.
Illum, il-parroċċa tagħna – anke jekk inbidel il-kuntest u x-xenarju minn dak inhar li ġiet mogħtija l-ġieħ ta’ parroċċa – qed tkompli timpenja ruħha b’mod attiv fl-oqsma ta’ evanġelizzazzjoni u fid-diversi ħidmiet u servizzi li titlob komunita’ parrokkjali. Fi żmien meta l-popolazzjoni tal-Belt kollha naqqset b’mod immarkat ħafna, il-parrooċċa tagħna qed tkun ukoll punt għal ħafna nies anke barra mill-Belt li jsibu fostna dar komuni fejn jitolbu u jiltaqgħu mal-Mulej Ġesu u mal-Kelma tiegħu. Inqisuha bħala barka li fil-Parroċċa hemm diversi persuni – kemm reliġjuzi, lajċi u diversi operaturi pastorali – li flimkien mal-Kappillan, jgħinu u jaqdu fid-diversi ħtiġijiet li kull realta’ parrokkjali jkollha. Naturalment il-bzonn ta’ iktar ‘ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej’ tibqa dejejm stedina miftuħa għal kull żmien.
It-tieni parti: Dwar Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta
Il-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta mibnija bejn l-1765 u l-1785, skond il-pjanta ta’ Anton Cachia. Mastru Ġuzeppi Bonnici mexxa x-xoghol tal-bini. Fil-bidu l-knisja kienet b’kampnar wiehed, izda fl-1912 zdied kampnar iehor. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, fl-20 ta’ Mejju 1942, parti min-naha tal-lemin tal-knisja ggarrfet bil-bombi ta’ l-ghadu. Fil-11 ta’ Jannar 1968 l-Arcisqof Monsinjur Mikiel Gonzi, waqqaf din il-knisja bhala t-tielet parrocca
tal-Belt Valletta.
L-Agostinjan Patri Mark Antonio Gandolfo hu wiehed mill-akbar benefatturi tal-kunvent u tal-knisja ta’ l- Agostinjani fil-Belt Valletta. Kien il-Granmastru del Monte li fl-1571 ta l-art lill-patrijiet Agostinjani biex jibnu knisja u kunvent ghalihom fil-Belt Valletta. Patri M.A. Gandolfo, li kien Pirjol tal-kunvent ta’ l-Imdina, beda x-xoghol minnufih minghajr il-permess ta’ l-Isqof ta’ Malta.
Fl-1575 kien hawn Malta l-Vizitatur Appostoliku Monsinjur Pietro Dusina li wara li gie mgharraf b’dan il-kaz, talab lill-patrijiet Agostinjani biex jaghmlu talba lill-isqof ta’ Malta ghall-bini tal-knisja u l-kunvent taghhom tal-Belt. Il-Vizitatur laqa’ din it-talba u fl-1 ta’ Novembru 1575 ta l-permess mehtieg ghall-bini tal-knisja. Patri Mark Antoniu Gandolfo gie processat u arrestat b’amar tal-Pro-Vigarju u dam tmien xhur fil-habs ta’ l-Isqof.
L-ewwel knisja tal-patrijiet Agostinjani fil-Belt kienet iddedikata lill-Madonna tas- Sokkors, u nbniet skond il-pjanta ta’ Glormu Cassar, u l-faccata taghha kienet thares fuq Triq San Mark. Fl-1596 il-knisja giet imkabbra flimkien mal-kunvent, izda billi l-patrijiet ma kellhomx il-mezzi mehtiega, it-tibdiliet li ghamlu kienu zghar.
Meta fl-1761, il-Vizitatur Generali ta’ l- Agostinjani, Patri Guzepp Lombardo, kien qed jaghmel il-vizta tieghu, iddiskuta mal-patrijiet x’jista’, jsir. Patri Guzepp Zammit, flimkien ma’ patri iehor, issuggerew li jghaqqdu z-zewg kunventi tar-Rabat u tal-Belt f’wiehed, b’kaxxa finanzjarja wahda u mit-tnejn jaghmlu wiehed billi jwaqqghu l-kunvent tal-Belt u jitla’ iehor gdid floku. Din l-idea tressqet quddiem patri Lombardo u weghedhom li jressaq din il-proposta quddiem il-General.
Id-Digriet ta’ l-ghaqda hareg mill-Curia Generalizia ta’ l-Agostinjani fit-8 ta’ Marzu 1762 b’konferma tal-Papa Klement XIII tat-2 ta’ Awissu, fil-Belt Valletta. Patri Lombardo, fit- 3 ta’ Dicembru 1763, wettaq dawn id-digrieti billi ttrasferixxa l-kunvent tar-Rabat ghall-Belt u gimgha wara beda t-twaqqigh ta’ l-ewwel knisja u ta’ l-ewwel kunvent ta’ l-Agostinjani fil-Belt Valletta. L-ajkla li tinsab fuq bieb imbarrat tal-kunvent fi Triq l-Ifran, ghadha tifkira ta’ l-ewwel kunvent Agostinjan fil-Belt billi kienet minquxa fuq id-dahla principali tieghu.
Il-knisja li hemm illum bdiet tinbena fis-7 ta’ Jannar 1765, meta patri Guzepp Lombardo OSA bierek l-ewwel gebla. F’din il-funzjoni hadu sehem ukoll diversi membri ta’ l-Ordni. Il-perit Anton Cachia kien responsabbli talpjanta, filwaqt li Mastru Guzeppi Bonnici kien l-imghallem tal-bini. Ix-xoghol fuq il-bini tal-knisja dam sejjer sa l-1784 u fis-7 ta’ Mejju 1785, l-Isqof Vincenzo Labini bierek din il-knisja u wara qaddes fiha l-ewwel darba. Il-Granmastru De Rohan kien ukoll prezenti ghal din il-funzjoni. Il-knisja giet solennement ikkonsagrata mill-Isqof Giovanni Maria Camilleri, isqof Agostinjan, nhar l-1 ta’ Lulju 1906.
B-tifkira ta’ din l-okkazjoni hemm is-slaleb ta’ l-irham mal-pilastri, kif ukoll l-erba’ armi ta’ l-irham fiz-zewg kappelluni. Din il-knisja hi mibnija bi stil Barokk sabih u ghandha ghamla ta’ salib Grieg. L-istil taghha hu tassew originali f’dawn il-gzejjer. Hi maghmula minn korsija u zewgt ignub, u f’kull naha tal-kor hemm zewg kappelli.
Ara wkoll: http://staugustinechurchtour.com/
It-Tielet parti : Dati importanti fuq il-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta
• 10 ta’ Mejju, 1571 – Iffirmar tal-kuntratt tal-ghotja tal-art.
• 14 ta’ Mejju 1571 – Bidu tal-bini tal-knisja u kunvent taht l-Arkitett Glormu Cassar.
• 10 ta’ Dicembru 1763 – Bidu tal-hatt tal-bini l-qadim tal-Knisja.
• 7 ta’ Jannar 1765 – Tqeghid tal-ewwel gebla tal-knisja l-gdida mill-Vizitatur Generali, il-Pirjol tal-Kunvent, P. Majj. Giuseppe M. Lombardo OSA.
• 7 ta’ Mejju 1785 – Tberik tal-Knisja l-gdida mill-Ecc Tieghu Mons. Vincenzo Labini, Arcisqof ta’ Rodi u Isqof ta’ Malta.
• 1798 – Konfiska tal-Knisja u Kunvent Santu Wistin minn Napuljun Bonaparti.
• 1801 – Ftuh mill-gdid tal-knisja u kunvent fi zmien l-Inglizi.
• 1 ta’ Lulju 1906 – Konsagrazzjoni tal-Knisja mill-Ecc. Tieghu Mons. Fra Giovann M. Camilleri OSA, Isqof t’Ghawdex.
• Sibt il-Ghid 1942 – Il-Knisja tintlaqat mill-bombi tal-Ghadu fi hbit ta’ l-ajru fit-Tieni Gwerra Dinjija.
• 19 ta’ Jannar 1968 – Thabbira tat-twaqqif tal-Parrocca ta’ Santu Wistin bl-Ittra Pastorali ta’ l-Ecc. Tieghu Mons. Mikiel Gonzi, Arcisqof ta’ Malta.
• 1 ta’ Frar 1968 – Bidu tal-hidma tal-Knisja ta’ Santu Wistin bhala parroċċa.
L-aħħar parti: Il-Kappillani li servew fil-Parrooċċa
Isem tal-Kappillan
Patri Salv Portelli OSA (1968-1970)
Patri Ambrose Delia OSA (1970-1982)
Patri Manwel Borg Bonello OSA (1982-1990)
Patri Frans Calleja OSA (1990-1990)
Patri Joseph Farrugia OSA (1990-1998)
Patri John Buhagiar OSA (1998-2000)
Patri Joseph Farrugia OSA (2000-2002)
Patri Francis Saviour Grima OSA (2002-2010)
Patri Raymond Francalanza OSA (2010-llum)
Taghrif migbur mill-Ktieb L-istorja tal-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt, Valletta miktub
minn P.Mark Cauchi OSA.
Min jixtieq jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb, jista’ jinxtara mis-sagristija tal-istess Knisja.



