Dan l-artiklu għandu l-għan li jfakkar ftit f’dak li sar f’dawn l-aħħar xhur fostna…bħal wieħed li fi tmiem sena jqalleb ftit id-djarju tiegħu biex jara minn x’hiex għadda. Il-ħajja fil-Parroċċa hi hekk ukoll…magħmlulha minn mumenti u waqtiet, inizjattivi u ħidma, idejat u viżjoni – li iktar ma nkunu konxji tagħhom u nagħmluhom tagħna..u idejalment nagħmlu parti minnhom aħna wkolll – iktar il-Parroċċa tagħna tkun ħajja.
Naturalment il-ħajja f’parrooċċa ma’ tistax tiġi mkejjla biss fuq kwistjoni ta’ attivitajiet, proġetti u ħidmiet oħrajn – allaħares jkun hekk – anke jekk kollox fih il-valur tiegħu. L-għan ewlieni f’komunita’ parrokkjali jibqa li l-membri tagħha jsiru dejjem iktar midħla tal-Kelma ta’ Alla biex din mbagħad tissarraf fl-imġieba tagħna lkoll. Intant dawn li ġejjin huma xi tappi mill-mixja u mill-ħidma li twettqet:
Mejju
• F’April 2010 il-Provinċja Agostinjana Maltija tiċċelebra il-Kapitlu Provinċjali taghha, waqt li xahar wara f’Mejju, fil-fazi imsejjha Post-Kapitlulari, il-Provinċjal Fr Emmanuel Borg Bonello osa flimkien mal-Kunsill tiegħu jipprezentaw lil Mons Arcisqof in-nomina biex Fr Ray Francalanza osa – li sa dak iz-zmien kien Pirjol fil-komunita’ ta’ Ommna Marija tal-Parir it-tajjeb f’Paceville – jintagħzel bhala Kappillan ġdid. L-Arcisqof ta’ Malta l-Eċċ Tiegħu Mons Pawlu Cremona op jilqa din in-nomina u jaħtar lil Fr Ray bhala l-Kappillan il-gdid tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.
Ġunju
• Fl-24 ta’ Ġunju issir quddiesa ta’ ringrazzjament u tislima lil (a) Fr Saviour Grima osa, ex kappillan (li wara l-kapitlu beda l-missjoni tiegħu fil-komunita’ ta’ Paceville); lil (b) Fr Luċjan Borg osa, ex provinċjal (li wara l-kapitlu beda l-missjoni tiegħu f’ Cuba); u (c) lil Fr Deo Debono osa (li fl-aħħar sena kien fil-komunita’ tagħna tal-Belt bħala djaknu, u li minn wara l-kapitlu bħala presibiteru ġdid beda l-missjoni tiegħu fil-komunita’ tal-Kulleġġ fil-Pieta).
• Fl-istess jum – 24 ta’ Ġunju – Fr Ray jasal fil-Parroċċa u b’digriet tal-Kurja tal-Arċisqof jinħatar Amministratur tal-Parroċċa sad-data tal-pussess li kellu jsir fit-22 ta’ Awwissu, 2010. Fl-istess jiem jitqassam fil-Parrooċa fuljett dwar il-Kappillan il-ġdid biex il-komunita’ parrokkjali tibda ssir midħla tar-Ragħaj il-ġdid tagħha.
Lulju
• Il-Kappillan il-ġdid Fr Ray jibda jiltaqa’ man-nies tal-Parroċċa, mal-operaturi pastorali u ma dawk kollha li b’xi mod huma involuti fil-ħajja tal-Parroċċa. Jibda jidħol ftit ftit fil-ħajja tal-parroċċa: uffiċċju parrokjali, laqgħat, kuntatti u jibda jiċċelebra s-Sagramenti fostna. Fl-istess żmien tibda’ issir it-tħejjija għal Jum il-Pussess.
• Fuq il-presibterju jiġi mpoġġI l-fonti tal-magħmudija li ġie ibbanjat u mnaddaf mill-ġdid u b’hekk seta jerġa jibda jintuża meta jiġi mogħti s-Sagrament tal-Magħmudija.
Awwissu
• Il-Ħamis 19 ta’ Awwissu. Bħal parti mill-programm issir Velja ta’ talb fil-Parroċċa. Din ġiet mmexxija minn Mons Joe Carabott waqt li l-kant tmexxa mill-Coro bel Canto taħt it-tmexxija ta’ Mro Herman Farrugia Frantz. F’din iċ-ċelebrazzjoni saru riflessjonijiet dwar il-missjoni ta’ ragħaj fil-komunita’ waqt li sar talb għall-ħtiġijiet tal-Kappillan il-ġidid u għall-membri kollha tal-Parroċċa.
• Il-Ħadd 22 ta’ Awwissu. Jum il-Pussess. Fi knisja mzejna sabiħa ħafna (xogħol il-grupp li b’ġenerozita’ kbira jieħu ħsieb l-armar tal-knisja) u mimlija bin-nies, Mons Arċisqof jasal fil-Parroċċa biex jagħti l-mandat lil Fr Ray bħala l-Kappillan il-ġdid. Dan seħħ waqt konċelebrazzjoni solenni, li fiha ħadu sehem reliġjuzi tal-provinċja agostinjana, bosta saċerdoti oħra djoċesani u reliġjuzi ta’ ordinijiet differenti u mill-Kappillani u Retturi tal-knejjes kollha tal-Belt. L-animazzjoni korali kienet f’idejn il-kor New Choral Singers taħt it-tmexxija ta’ Mro Robert Calleja. Waqt iċ-ċelebrazzjoni inqara d-digriet tal-Kurja li biha Fr Ray sar l-Kappillan il-ġdid u li dan ġei ffirmat mix-xhieda li keinu Mons Joe Carabott u Fr Eric Overand – President tal-Kulleġġ tal-Kappillani. Kien f’dan il-ħin fejn Mons Arċisqof ipprezenta lil Fr Ray lill-komunita’ miġbura bi kliem li baqgħu fil-memorja ta’ kulħadd: “ Għaziz Fr Ray – din hi l-Parroċċa li jien qed nafdalek f’idejk…ħudli ħsiebha!” Imbagħad dar lejn in-nies: “Għeziez lkoll – dan hu Fr Ray l-Kappillan il-ġdid tagħkom…ibzawli għaliħ!” Ġest saljenti f’din iċ-ċelebrazzjoni kienu l-mumenti fejn l-Kappillan il-ġdid flimkien ma’ Mons Arċisqof dar f’partijiet tal-knisja – Tabernaklu, Fonti tal-Magħmudija, Konfessjonarju, id-daqq tal-qanpiena l-kbira u fl-aħħar fuq il-Pupltu – kollha pari mir-Rit li juru x’inhi l-missjoni tal-kappillan fil-parroċċa li tagħha se jkun ir-ragħaj il-ġdid tagħha. Is-servizz liturġiku tmexxa b’mod abbli mill-komunita formattiva tar-Rabat.
Fr Josef Sciberras osa kien ċerimonjier prinċipali assistit minn Fr Pierre Desira osa. L-animazzjoni kienet f’idejn Fr Leslier Gatt osa – Pirjol u Surmast tal-istess komunita’. Wara l-quddiesa saret festa fi Triq Zekka f’atmosfera ta’ ċelebrazzjoni u ħbiberija. Fost il-ġemgħa nhar Jum il-Pussess, kien prezenti l-Onor Carm Mifsud Bonnici li kien qed jirraprezenta l-Prim Ministru u l-Gvern, miegħu ministri u deputati miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati, il-wisq rispettabli Sindku tal-Belt Dr Alexei Dingli u membri tal-Kunsill Lokali, Presidenti ta’ Għaqdiet tal-baned u oħrajn ċivili kemm tal-Belt stess u anke mill-Parroċċa taz-Zejtun. Ingħaqdu ukoll mal-komunita tal-post, il-familja ta’ Fr Ray, persuni ħbieb tiegħu. iz-zagħzagħ tal-grupp Lift li hu kien jieħu ħsieb f’Paceville u membri ta’ komunitajiet fejn hu serva qabel ġie fostna fil-Belt.
Settembru
• Tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna taċ-ċintura li tagħha fil-Parroċċa hawn devozzjoni sabiħa. Mexxa t-tridu Fr Victor Paul Farrugia oc, waqt li nhar il-festa sar pellegrinaġġ bl-istatwa devota tal-Madonna taċ-ċintura u wara quddiesa lit mexxiet minn Fr Salvinu Caruana osa.
• Tiġi stallata fil-Knisja is-sistema l-ġdida tas-sound, minħabba li l-antika kienet spiċċat. Tibda tintuza wkoll sistema li toħloq muzika fi sfond biex kemm l-mumenti liturġiċi kif ukoll qabel u wara ċ-ċelebrazzjonijiet, fil-knisja jkun hemm atmosfera li tgħin lil dak li jkun jidħol fi spirtu ta’ ġabra u ta’ talb.
• Biex jinħoloq ambjent sabiħ fil-knisja, inxtraw pjanti naturali friski għal fuq l-artal il-maġġur u għall-presibierju. Saru wkoll trieħI ġodda għal artali u nxtara tapit kemm għal fuq il-presibiterju kif ukoll għall-kappella tas-Sagrament.
Ottubru
• Bidu ta-ċiklu ‘annwali’ fil-ħajja tal-Parroċċa. Tibda s-sena formattiva għat-tfal bi tħejjija għas-sagramenti tal-Ewwel Tqarbina u l-Grizma (b’kollox 7 klassijiet), jibda l-kors ta’ Kana, u jitkomplew laqgħat fil-Kunsill Pastorali Parrokkjali, il-Grupp li jieħu ħsieb il-festa (li minn din is-sena hu animat minn Fr Deo Debono osa), il-katekisti, il-grupp 2 in 1, il-grupp tal-miżżewġin u r-romol ( li jieħu ħsiebhom l-Provinċjal Fr Manwel). Kull xahar ukoll isir id-devozzjoni lejn il-Ħniena Divina – attivita’ sabiħa li ilu janima fil-Parrooċa Fr Salvinu Caruana osa flimkien mal-grupp li jieħu ħsieb din l-inizjattiva. Tinbeda mill-ġdid id-drawwa li fl-ewwel ġimgħa tax-xahar isir mument ta’ adorazzjoni qabel il-quddiesa tas-7.15pm.
• Il-grupp ‘Madonna taċ-ċintura’ jibda jmexxi r-riċeta tar-Ruzarrju Imqaddes fi Pjazza Mattia Preti kull nhar ta’ Erbgħa filgħaxija.
• Fi tmiem Ottubru jintemm ix-xogħol ta’ restawr fuq l-orgni – li sar minn Mr Robert Buhagiar – u hekk issa seta jerġa’ jibda jitgawda fis-sbuħija kollha tiegħu.
Novembru
• Tiltaqa’ fuq jumejn l-Assemblea Parrokkjali. F’ dawn il-jumejn – li għalihom saru posters ta’ tħejjija – li tqassmu f’diversi ħwienet tal-Parroċċa – saret analizi tal-ħajja tal-parroċċa. Kienu laqgħat pozittivi u kien hemm ħeġġa u atmosfera sabiħa. Bejn iż-żewġ laqgħat konna 150 persuna li ħadu sehem. Ħarġu idejat tajbin ukoll u kien hemm apprezament lejn dawk il-persuni ‘l-ġodda’ li bdew jersqu biex joffru l-għajnuna. Il-ħsieb minn dawn il-jumejn kien li mal-bidu tas-sena l-ġdida jitwaqqaf il-Kunsill Pastorali Parrokkjali l-ġdid u dan jibda jimplimenta pjan ta’ ħidma. Fuq l-aġenda, il-Kappillan Fr Ray semma il-prijorita tal-evanġelizazzjoni, ħidma mat-tfal, addoloxenti u żgħażagħ, il-proġett imsejjaħ ‘knisja tat-triq’, u x-xogħol marbut maċ-ċentru li għandu l-iskop li jgħaqqad il-komunita’. F’din l-Assemblea Parrokkjali kellna l-unur li jkollna fostna lil Mons Charles Cordina – Segretarju Pastorali tal-Arċidjoċesi.
• Jiġu mzanzna fil-knisja parrokkjali l-kotba l-ġodda tal-kant u magħhom shelving pulit biex jkunu jistgħu jitqiegħu fihom. (Dawn ġew mħallsa minn benefattur).
Diċembru
• Il-kumitat tal-festa ħa ħsieb jippubblika il-kalendarju annwali tal-Parrooċċa għas-sena 2011 b’ritratti antiki dwar il-Belt Kapitali tagħna.
• Fil-11 ta’ Diċembru ġiet organizzata ikla għal membri tal-Parrooċa bi tħejjija għall-festi tal-Milied li kienu resqin. Din l-attivita’ ġdida saret fil-Lukanda Osborne il-Belt u mill-kummenti li ħadna, kienet inizjattiva li rnexxiet u ntlaqgħet tajjeb minn dawk kollha li ġew għaliha.
• Inħolqot atmosfera mill-isbaħ fil-knisja parrokkjali b’tizjin ta’ fjuri u arranġamenti li ntlaqgħu minn ħafna. L-istess jgħodd għat-tizjin tal-artal il-maġġur, il-presbiterju, il-korsija u l-pilastri tal-knisja li ħareġ sabiħ ħafna. Matul il-jiem ta-novena saru ċelebrazzjonijiet differenti għat-tfali li jattendu l-klassijiet tad-duttrina. Il-lejl tal-Milied mbagħad kien animat mill-Joyful Singers u sar programm bħala velja li kienet tinkludi kant, mument ta’ talb, prietka minn tifla, qari ta’ poeziji dwar is-sens veru tal-Milied u mime li ttellgħet mill-grupp Freespirit dwar il-valuri li nistgħu nwelldu f’ħajjitna. F’nofs il-lejl saret konċelebrazzjoni solenni mmexxija mill-Kappillan flimkien mal-komunita’.
Jannar
• Fil-bidu tax-xahar il-Kappillan attenda għal-live in mal-kappillani kollha ta’ Malta flimkien ma’ Mons Arċisqof. Dan is- seminar annwali mifrux fuq tlett ijiem sar fis-Seminarju r-Rabat u għal Fr Ray kienet l-ewwel esperjenza tiegħu fih, minn wara li sar il-Kappillan tagħna ħames xhur qabel.
• F’nofs Jannar (14-16) sar live-in ta’ ħbiberija f’Dar Santa Monika f’San Pawl il-Baħar bejn grupp ta’ żgħażagħ – kollha koppji li qegħdin jħejju biex jiżżewwġu. Wħud minnhom mill-parroċċa tagħna. Kollox beda mill-kors ta’ Kana li kien seħħ bejn Ottubru u Diċembru 2010. Kienu ġa ħbieb, saru iktar..ingħaqdu oħrajn magħhom. Fr Ray beda jkun magħhom ukoll mill-bidu nett u dawn bdew jattendu l-quddies tal-Ħadd filgħaxija li ġeneralment jqaddes il-Kappillan. Minn din il-ħbiberija ġie miftiehem li jgħaddu weekend flimkien..li kien esperjenza mill-isbaħ. Meta kien ġie fostna fr Ray sitt xhur ilu, kien qasam magħna li xtaq jagħti stimolu ġdid f’dan il-qasam u bl-għajnuna ta’ Alla dan il-mument, flimkien mal-bini ta’ relazzjonijiet u ħbiberija li jirnexxilhom jinbnew ftit ftit…kollha jagħmlu parti minn din il-ħolma. Jkunu inizjattivi żgħar, abbli ma jidhrux, imma huma dawn il-ġesti u mumenti sempliċI ta’ umanita’ li bihom tikber fost oħrajn, il-ħajja tal-Knisja stess.
• Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Jannar 2011, iltaqa ’ il-Kunsill Pastorali Parrokjali l-ġdid. Dan il-Kunsill – li hu konsultativ – għandu l-għan li jgħin lill-Kappillan fil-ħidma tal-Parroċċa. Dan il-Kunsill il-ġdid hu ffurmat minn dawn il-membri: Kappillan: Fr Ray Francalanza osa, Il-moderatur il-ġdid: Paul Magro, Segretarja: Stephania Aquilina, Komunita’ reliġjuza: Provinċjal/Pirjol – Rev Fr Manwel Borg Bonello osa, Viċi – Fr Zaren Saliba osa, kull membru fil-komunita’ tagħna u Fr Deo Debono osa . Bħala membri godda ġew magħzulha: Kevin Schembri, Dasser Seychell, Carlo Agius, Elizabeth Aquilina, Doris Pace, Ronnie Abdilla, Robert & Maryanne Ellul, Jesmond & Bella Mifsud, Joe Borda, Margaret Borg. Hemm ukoll xi membri li diġa’ servew fil-KPP prċedenti li l-kappillan xtaq li jibqgħu joffru servizz minħabab esperejnza u kontinwita’ – dawn huma: Joe & Rose Deparis, Albert Azzopardi, Carlo Borg, John & Antionette Farrugia, Mario Mintoff, Vince Grech Mallia, Charlie Borg, Mario Spiteri, Justin Gerada uTony Boyansis.
• Fi tmiem Jannar, l-istatwa ta’ Santa Rita – li għandha ‘l fuq minn mitt sena – ġiet meħduha għal xogħol ta’ restawr. Il-komunita’ afdat dan il-proġett f’idejn l-istatwarju Aaron Camilleri Cauchi.
Frar
• Kif jersaq l-1 ta’ Frar ta’ kull sena niċċelebraw l-anniversarju ta’ meta l-Knisja tagħna – li hi taħt il-protezzjoni ta’ Santu Wistin Duttur tal-Knisja – ġiet mogħtija l-ġieħ li tkun Parroċċa. Fl-omelija toegħu dakinhar tal-anniversraju, l-kappillan, fost affarijiet oħra, qal hekk: “Nieħu gost immens niltaqa ma’ nies li jirrakontaw l-ferħ marbuta ma’ din il-ġrajja li seħħet 43 sena ilu, u meta wieħed jħares lura ma’ jistax ma jkollux sens kbir ta’ apprezament u qima lejn tant persuni – kappillani, reliġjużi u lajċI li tant ħadmu u ntagħataw biex il-komunita’ parrokkjali tagħna hi dik li hi llum. Naturalment kull żmien fih l-isfumaturi tiegħu, ċirksutanzi li jinbidlu (ez wieħed minnhom hu l-fattur reali tal-popolozzjoni tal-Belt li naqset dratistament), enfasi u prijoritajiet ġodda li jkunu jridu jingħataw, toroq ġodda li jridu jiġu skoperti eċċ. Imma dejjem nibnu fuqi t-tajjeb li għandna – li ma ġiex mix-xejn – u nkomplu naraw kif nistgħu nkunu komunita’ li tikber u tgħix flimkien.”
• Matul dan ix-xaħar il-Kappillan beda iz-zjarat formali tiegħu fil-familji tal-parrooċċa. Dawn il-mumenti ta’ ħbiberija – li l-kappillan kien ħabbar li xtaq iqasshom ftit ftit ħalli jkollu ċans tajjeb ma’ kulħadd – qed jintlaqgħu tajjeb fil-parrooċċa u qed jsiru fl-istess spirtu meta kienet tħabbret in-nomina tiegħu bħala Kappillan tal-parrooċa tagħna: Imbierek minn ġej fostna f’isem il-Mulej. Merħba kappillan fi djarna, f’ħajjitna, f’qalbna.
• Fi tmiem Frar, tiġi mzazna il-website il-ġdida tal-Parroċċa www.santuwistin.org Il-ħsieb hu li b’dan il-mod vizwali ġdid, il-komunita’ nisranija jkollha mhux biss aċċess għal dak li jkun qed jiġri fil-ħajja tal-Parroċċa, imma fiha wieħed jsib ukol links differenti li jgħinu lil dak li jkun fil-formazzjoni spiritwali, nisranija u kulturali. Fil-website qed jitpoġġew ukoll ir-riflessjonijiet (omeliji) fuq il-vanġeli ta’ Fr Ray li jagħmel fil-quddies ta’ kull nhar ta’ħadd filgħaxija. Grazzi lil EBN – partikolarment Mr Adrian Friggieri, membru fil-parrooċa tagħna – tal-ħidma tagħhom biex dan il-proġett seta jsir u jista jkompli jiġi dejjem aġġornat skond il-bzonn.
• Matul dan ix-xahar kellna fostna lil Bro Terrence Spiteri osa li għadda xahar fil-komunita’ Parrokkjali magħna. Din l-esperjenza li għal Bro Terrence, kienet parti mit-tħejjija tiegħu hekk kif qed jħejji ruħu għall-Professjoni Solenni tiegħu, niżlet tajjeb ħafna mal-membri tal-Parroċċa. Kemm dam fostna, Bro Terrence għen fid-diversi ħidmiet tal-Parroċċa u f’oħrajn minn wara l-kwinti! Mill-qalb nkomplu nitolbu għalih u għal sħabu li jinsabu f’mixja ta’ formazzjoni ħalli l-Mulej jagħmel minnhom lkoll reliġjuzi u saċerdoti skond il-qalb tiegħu.
Marzu
• Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Marzu tajna bidu għar-Randan Imqaddes. Filgħaxija l-Kappillan mexxa l-quddiesa ta’ Ras ir-Randan u hekk inbidet il-mixja ta’ sitt ġimgħat li matulha l-poplu nisrani jkun mistieden biex jersq iktar lejn Alla. Fil-knisja parrokkjali ħadna l-inżjattiva li armajna għal ewwel darba fuq l-artal il-maġġur, il-Kurċifiss sabiħ antik – xogħol fl-injam – li matul is-sena jkun fil-Kappella tas-Sagrament. Dan kien ġest li ntlaqa b’mod pozzittiv minn bosta li żaru l-Knisja Parrokkjali tagħna. B’dan il-mod, dan il-kurċifiss seta’ jitgawda iktar minn kulħadd u fl-istess ħin din l-inżjattiva, għenet fl-atmosfera għal matul iż-żmien kollu tar-Randan sal-festi tal-Għid il-kbir. Fuq il-presibterju tpoġġiet ukoll ikona mdaqqsa tal-artist Daniel Scerri li tirraprezenta l-wiċċ ta’ Kristu. Din ukoll għenet fil-mixja tar-randan biex f’dawn iż-żmien qaddis il-komunita’ kollha tagħmel l-esperjenza tas-salmista biex “kuljum infittxu lil wiċċu”.
• Biex jgħin fl-ambjent estetiku tal-knisja, inxtara tapit vjola skur għal fuq il-presibierju u tkomplew zdiedu xi pjanti biex hekk il-knisja tagħna tkompli tkun post fejn dak li jkun jħossu miġbur u jkun f’atmosfera li tgħinu jħoss is-sbuħija ta’ Alla.
• L-istatwa devota u maħbuba ta’ Santa Rita – li lejha hawn devozzjoni minn Malta kollha – terġa tirritorna fil-Parroċċa u titpoġġa mill-ġdid għall-qima tal-komunita’ nisranija. Ix-xogħol ta’ restawr li sar fuqha minn Aaron Camilleri Cauchi, intlaqa b’mod pozittiv anke għax waqt li tranġawlha ħsarat li kellha fl-istruttura tagħha, sar xogħol ukoll ta’ restawr li kkorreġa xi nuqqasijiet li kellha fil-wiiċ u fl-idejn. Segwew dan ix-xogħol, kemm il-Provinjċal Fr Manwel li hu nnifsu intiz sew fil-qasam artistiku, kif ukoll Fr Deo li minn din is-sena qed jsegwi ħafna trufijiet ta’ din in-natura. Nhar il-Ħamis 24 ta’ Marzu – meta kienet jaħbat id-disgħa ħamis devozzjonali ta’ Santa Rita – sar programm ta’ talb, kant u u apprezament tal-ħidma li saret mill-istatwarju Aaron Camilleri Cauchi nnifsu – u fi tmiem il-programm il-Kappillan Fr Ray mexxa talb ta’ protezzjoni lil Santa Rita għal ħtiġijiet tal-Parroċċa, waqt li l-Provinċjal Fr Manuel bierek mill-ġdid x-xbieha ta’ Santa Rita.
April
• Nhar l-Erbgħa 6 ta’ April fuq proposta tal-Kappillan saret għal ewwel darba mixja ta’ fidi fit-toroq tal-Parroċċa. Kien mument sabiħ ta’ ġabra u riflessjoni u matul il-pellegrinaġġ saret Via Crucis b’rabta mal-ħajja tal-lum.
• Jiġu organizzati fil-Parroċċa ġimgħatejn ta’ riflessjoni – magħrufha tradizzjonalment bħala l-eżerċizzi tar-randan – fuq il-Kelma ta’ Alla. It-tema prinċipali kienet “Imlew il-Ġarar”. L-ewwel ġimgħa (4-8 ta’ Marzu) ir-riflessjonijiet saru fil-quddiesa tad-9.30am u ġew animati minn Fr Mario Sant ofm conv, waqt li fit-tieni ġimgħa (11-15 ta’ Marzu), ir-riflessjonijiet saru waqt ċelebrazzjoni tal-Kelma ta’ Alla filgħaxija u ġew animati mill-Kappillan Fr Ray. Dawn ġew fi tmiemhom nhar Jum il-festa tad-Duluri.
• Bejn l-20 u l-24 ta’April, għexna l-ġimgħa mqaddsa flimkien. Bdejniha l-ewwel bl-ikla lhudija – Passover Meal – li għamilna f’Hal Qormi, li kienet attivita’ li ntlaqgħet tajjeb immens, u mbagħad iċċelebrajna it-tlett ijiem tat-tridu paskwali f’liturġija dinjituza u f’atmosfera ta’ ġabra u talb. L-għada tal-Għid inbeda t-tberik annwali tal-familji u tad-djar fil-Parrooċċa. L-organista Wayne Marshall akkumpanja l-muzika kollha ta’ dawn il-jiem imqaddsa u dan kompla għen biex l-liturġija f’dawn il-jiem tkun esperjenza ta’ fidi u espressjoni ta’ ħajja.
Xi dati oħra:
Minħabba li dan l-artiklu qed jinħadem biex jkun ippublikat għal żmien il-festa – u għalhekk hemm mumenti fil-kalendarju li jkunu għad jridu jseħħu – nistgħu navzaw b’dati oħra importanti li bl-għajnuna t’Alla jonqos li jsiru sal-perjodu tas-sajf. Dawn huma:
• Festa ta’ Santa Rita: 14- 19 ta’ Mejju.
• Festa Titulari ta’ Santu Wistin: 22 – 29 ta’ Mejju.
• Grzima: 12 ta’ Ġunju
• Preċett: 26 ta’ Ġunju.
• L-ewwel sena tal-parrokat ta’ Fr Ray fostna: 22 ta’ Awwissu.
Tagħrif iehor:
• Skond il-viżjoni li kien ippropona l-Kappillan meta ġie fostna, tibqa’ l-ħidma tal-evanġelizzazzjoni. Fr Ray sar jagħti valur lil dan anke fil-kitbiet tiegħu ta’ kull xahar fil-fuljett Flimkien u f’artikli oħra fil-website tal-Parrooċċa. Tajjeb li nibqgħu nsegwu dan kollu għax li jkollna formazzjoni komuni…jgħin ħafna biex il-parrooċċa tikber madwar dak li hu l-essenzjal.
• Fil-pipeline hemm l-inizjattiva biex il-post tal-computers tal-Parrooċċa jerġa jinfetaħ fuq bazi regolari u bi pjan ċar ħalli jingħata servizz fl-IT u biex jgħin – b’xejn – tfal fil-parroċċa li jixtiequ jtejjbu l-għarfien tagħhom f’dan il-qasam. Il-Kappillan afda b’din ir-responsabilita’ lil Mr Emanuel Camilleri. Jista jkun li meta dan il-programm jkun ġie ppublikat, il-proġett bl-għajnuna ta’ Alla jkun inbeda.
• Wara diversi xhur ta’ tħejjija, f’Mejju se jinbeda xogħol biex iċ-ċentru t’isfel jibda jitranġa ħalli jkun jista’ jaqdi l-ħtigijiet tal-parroċċa. Meta jerġa jinfetaħ nifhmu li jrid jkun hemm bzonn ta’ brief ċara għal kull min se juzah, anke biex il-post jintuza għal għanijiet tajba u jibqa’ jinzamm f’kundizzjoni tajba.
• F’oqsma soċjali, l-Kappillan Fr Ray f’dawn ix-xhur li ilu fostna, kien f’kuntatt kontinwu ma’ diversi aġenziji li joffru diversi servizzi lill-komunita’. Il-ħsieb ewlieni hu li wara li jsir studju reali tal-bzonnijiet li jeziztu fostna, jkun jista jsir networking aħjar biex, fejn wieħed jista’ jagħti għajnuna konkreta. Naturalment il-Parroċċa ma’ tistax iġġorr weħidha dan kollu anke minħabba limitazzjonijiet ovvji. Hemm servizzi li jmorru lil hinn min dak li nistgħu nagħmlu weħidna, madankollu zgur tibqa f’qalbna ix-xewqa u d-determinazzjoni li ngħinu wkoll f’dan il-qasam. Dan hu aspett li jitlob koordinazjoni, nies li jmiddu idejhom u li jkunu hands on f’kull m’hemm bzonn jsir. Nifhmu l-Kappillan waħdu zgur li ma jistax jagħmel u jlaħħaq dan kollu.
• Tibqa x-xewqa li norganizzaw ftit grupp imdaqqas ta’ abbatini. S’issa din il-ħaġa kienet qed issir b’mod frammentat…nittamaw li tul iz-zmien li ġej nsibu nies u tfal bizzejjed biex din il-ħolma sabiħa titwettaq.
• Jibqa fuq kollox il-bzonn ta’ ħafna iktar voluntieri oħra li jersqu ‘l quddiem biex nkunu nistgħu nwieznu diveri attivitajiet fil-Parroċċa. Is-sejħa tal-Vanġelu hi hemm għal kulħadd: “Hemm bzonn ħafna ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej.” Nagħmlu appell sinċier biex iktar persuni joffru ruħhom fejn jħossu li jistgħu jagħtu xi forma ta’ servizz. Min jitħajjar hu mitlub jkellem lill-Kappillan.
• Fl-aħħarnett Grazzi kbira mill-qalb lil kull min qed qed jinvolvi ruħu fil-ħidma tal-Parrooċċa: il-komunita’ reliġjuza tal-post li taqdi b’tant ġenerozita is-servizz pastorali’, lil John is-sagristan u l-grupp kollu li jgħin fil-knisja, lil dawk li jarmaw, li jnaddfu, lil dawk li jqarbnu, jaqraw, janimaw l-muzika u l-liturġija, lill-membri kollha tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, l-grupp ħabrieki tal-festa, lil dawk li wara l-ħin ta’ xogħol jgħinu f’diversi ħidmiet anke materjali, in-nies involuti fit-tmexxija ta’ gruppi oħra fil-parrooċċa, li dawk li jgħinu f’oqsma ta’ djakonija, lil dawk li jmexxu l-kors ta’ Kana u l-grupp tal-koppji. Ma’ dawn hemm ukoll dawk kollha li japprezaw, li jgħidu kelma tajba biex jinkoraġixxu, li jattendu fid-diversi inizjattivi li tieħu l-Parrooċċa. Xtaqna wkoll li f’dan id-djarju infaħħru s-sehem ta’ Adrian Azzopardi u Liliana Agius li tul din is-sena ħadu ħsieb l-arranġamenti kollha tal-fjuri fil-festi prinċipali li kellna – Pussess, Milied, Randan, Għid – għax il-kontribut u l-professjonalita’ tagħhom għamel differenza pozittiva fl-ambjent tal-Knisja Parrokkjali tagħna. Lil dawn kollha jmur ir-ringrazzjament sinċier tagħna. Il-Mulej jbierek u jqaddes il-ħidmiet tagħna.
Djarju – Parrooċa Santu Wistin
Mejju 2010 – Mejju 2011
Maħdum u miġbur – Uffiċċju Parrokkjali



