Marija Omm Alla – Jum il-Paċi: Sena B – 2012

• Għalina li mdorrijin inkejjlu ħajjitna ma’ l-arloġġ, mal-ġimgħat u s-snin, dan il-lejl/jum hu speċjali. Tarah fil-kalendarju hu ġurnata oħra bħal l-oħrajn… li jagħmlu differenti hu għax jimmarka tmiem ta’ sena u bidu ta’ sena oħra ġdida. Bħal llejla nħossuna qisna fl-antiporta…lesti biex mmiddu/ nixirfu saqajna fis-sena l-ġdida! Kif issa sar ritwal, f’dawn l-aħħar jiem il-media kollha fid-dinja teħodna lura f’dawra (review) mal-ġrajjiet kollha – sbieħ u koroħ (is-soltu juruna iktar il-koroħ!) – li seħħew matul din is-sena li issa ‘kienet’!

Ovvja kulħadd jarahom skond in-nuċċali tiegħu. Jien is-soltu nifridhom fi tnejn:

(a) Hemm l-aħbarijiet/l-ġrajjiet li seħħew fuq skala internazzjonali li ejja ngħiduha kif inhi id-dinja tagħna tidher li għada għaddejja minn żminijiet li jħassbuna..il-Papa elenkahom fil-messaġġ tiegħu għal jum il-Paċi: iz-zieda eċċessiva fl-ispiza militari, gwerer, terroriżmu, mibgħeda reliġjuża, firdiet u esklużjonijiet skandalużi bejn kontinenti għonja u oħrajn fil-miżerja; miljuni ta’ bnedmin jgħixu bil-ġuħ, maħkuma mill-mard. Dan jistona ħafna mal-fatt li kulħadd għandu d-dritt li jieħu sehem fil-ferħ tal-ħolqien. Jien riflessjoni li ġieli għamilt f’qalbi hi..li kif jista jkun li llum bqajna hekk meta suppost tgħallimnihom il-lezzjonijiet….dinja li ccċapset wisq bid-demm!…eh…u jekk taħsbu li dawn huma affarijiet ‘ta’ barra biss’..erġgħu aħsbu ftit..kemm traċċi tagħhom Malta wkol..ie fina wkoll! Imbagħad hemm

(b) il-ġrajjiet tal-ħajja tagħna personali..dawn nħossuhom iktar għax huma parti minna …il-ferħ, is-sodisfazzjon, il-ħolm li ma seħħx, is-suċċessi u l-fallimenti..anke jekk dawn huma relattivi…. u bħal lum tiġina normali li nagħmlu bħal eżami intern – stock taking – ta’ ħajjitna din id-darba..kulħadd naħseb li jagħmlu b’xi mod jew iehor – naraw kif morna f’din is-sena u x’għadda minn għalina u nsaqsu..almenu l-iktar domandi essenzjali: Jien bniedem aħjar illum? Kbirt bħala persuna – tikber fl-istatura sħiħa tal-qalb u tal-ispirtu? X’ħallejt jmut fija biex nista’ nitwieled fi bniedem aħjar/ġdid? U x’beħsibni nipprova b’impenn għas-sena l-ġdida?

Illejla/dalgħodu hi l-Kelma ta’ Alla kollha li konxja ta’ dan u ta’ dak li nistgħu nħossu bħal-lum. Il-kelma ta’ Alla taf li bħalissa l-ħsibijiet jistgħu jkunu ħafna…bħal f’qalb Marija fil-vanġelu, imma minflok tagħzel li tiffoka iktar fuq il-potenzjal li hemm fina (infatti tkellimna fuq il-barka ta’ Alla fl-ewwel qari) u x’nistgħu nwelldu aħna f’din is-sena l-ġdida. U l-ikbar awgurju – proposta – kejl li l-kelma tipproponilna… hi l-paċi..mhux il-paċi tal-grokkijiet, mhux il-paċi-tregwa ta’ dawn il-jiem biss…sakemm terġa tfaqqa xi oħra…(feel good factor fittizju!), mhux il-paċi tal-karti, tad-diskussjonijiet jew tal-arti tal-kompremessi, imma l-paċi vera li Hu Alla nnifsu. Hi din li twelled il-veru paċi interjuri! (serenita’). Jekk jkollna dil-paċi fil-qalb allura f’ħajjitna jaf jseħħ miraklu ġdid. Xi riflessjonijiet:

1: L-ewwel: Marija ..li l-kelma tpoġġilna bħala mudell għall-ħajjitna fil-bidu ta’ sena ġdida: Tiskanta kif din il-mara ta’ ftit kliem..donnu dejjem hemm x’niskopru fiha. Dak kollu li nafu….mill-paġni tal-Iskrittura sa’ dawk tal-Patristika, mill-għejjun tal-Ispiritwalita’ sa’ l-espressjonijiet u l-ġesti fil-liturġija, mill-fidi u l-għerf miġbur li wasslu għall-proklamazzjonijiet tad-Dommi tal-Madonna, sal-ħila’, l-krejjativita’ u l-immaġinazzjoni fl-arti u l-ikongrafija antika u moderna, nsibu dejjem bla eċċezjoni, post priveliġġat u għoli immens lil dik li hi kollha sabiħa – tota pulchra – kollha safja u li fiha m’hemm l-ebda tebgħa ta’ dnub.

It-titli li ngħatawlha matul iz-zminijiet kollha, linġwaġġ uzat dejjem fis-superlattiv, l-aġġettivi poetiċi li ntuzaw biex jsellmu lil din il-mara għaziza u speċjali tant quddiem Alla, huma kollha mistħoqqha u ma’ jagħmlulha l-ebda għajb. Tant qaddisin nisġulħa versi sbieħ u għax miktuba bill-linka tal-fidi, fihom wieħed jista’ jimraħ bla limitu fuq il-ħajja tal-Verġni Marija, il-mara li Alla l-Missier sa mill-eternita’, għazilha biex tkun Omm Ibnu. Lil Marija: il-midluka u l-magħzulha ta’ Alla…jsejħulha fost l-oħrajn: il-Palazz u d-Dar ta’ Alla, it-Tabernaklu u l-isbaħ libsa ta’ Alla, il-Qaddejja tal-Mulej, il-warda li ma tidbilx, Reġina tal-anġli u l-Qaddisin, l-Għodda għaziza tal-Missier, Medjatriċi tal-grazzja, ProtretriċI, il-ġnien tal-isbaħ fjuri ta’ Alla, xbieha u Omm il-Knisja, tron ta’ l-għerf, bieb tas-sema.

Illejla, waqt li aħna wkoll qed nagħtuha l-ġieħ u l-qima tagħna, nixtieq li għal mument wieħed biss, inneħulha ftit l-kuruna u r-raġġiera tagħha u nersqu lejha sabiha hekk ukoll, b’rasha mikxuf. Il-mara ta’ Nazaret..kif jiddiskriviha l-vanġelu! Ilejla, ejja nitolbu li l-ħarsa tagħna ma’ tieqfax biss fuq wiċċ sabiħ. Ilejla, ejja nitolbu biex nevitaw li naqgħu fin-nasba ta’ sentimentalizmu vojt li jwassalna biss għal qima mekkanika. Minn dak li nafu…Marija kienet dejjem tibqa’ lura u ma tħobbx tidher. Qatt m’għamlet make-up u marret għand hair-dresser. Id-dieta tagħħa kienet tkun l-ikel fqir u sempliċi ta’ mara raħħala. Ħwejjiġha kienu ta’ drapp goff li kienet tħit hi stess.

Il-keep-fit tagħha kien il-ħafna ġej u sejjer biex timla’ l-ilma mill-bir tar-raħal, u l-ġiri minn dar għall-oħra biex taqdi u tgħin. L-edukazzjoni tagħha ħaditha mingħand binha u ggradwat fuq l-għolja tat-tbatija. Qatt m’għamlet diskorsi u anqas kienet f’ebda kumitat! U kienet għażlet li tibqa verġni..! Safrattant illum m’hemmx mara li x-xbieha tagħha hija mxerrda ma’ kull rokna tad-dinja aktar minnha. M’hemmx mara li jammirawha aktar minnha. M’hemmx mara isbaħ minnha. Marija tidher quddiemna bħala l-mara ta’ bla rettorika, il-mara li taf tistenna, l-mara li ħabbet, il-mara ta’ kuraġġ kbir, il-mara tas-silenzju, il-mara ubbidjenti, il-mara tal-qadi. Illum f’sena ġdida qed niċċelebraw lilha: l-omm li dejjem ħarset il-fuq u bħala prezz kienet mara ĦIENJA – f’Paċi ma’ Alla, fiha stess u madwarha.

U Marija jekk xejn illum tgħallimna li l-vera sbuħija bħas-sigriet vera tal-ħajja u tal-paċi jiġi minn ġewwa.Jekk ġewwa int nadif/maħmuġ..dan se tgħaddi! Ġabitha din il-paċi..għax kienet il-verġni li TISMA. (S.Wistin) Riflessjoni: Il-Papa Ġwanni Pawlu II: : Skiet ta’ Alla u storbju tal-bniedem. Kien osserva li l-inkwiet tal-lum mhuwiex biss il-gwerer, il-ġuħ u l-mard, imma s-silenzju ta’ Alla. Is-sema bħal donnu nagħlaq. Is-skiet ta’ Alla sar taqtgħu b’sikkina. Din hija traġedja serja għax jekk Alla waqa’ fil-muta jfisser li l-bniedem ukoll tilef il-kelma, jew jekk jipprova jiftaħ fommu, la kelmtu mhix mislufa minn Alla, hija kelma vojta.

2: It-tieni: Mill-ġdid Marija – kienet (kwalita’ li jsemmi l-vanġelu) “taħseb bejna u bejn ruħha”. Il-frazi tinftiehem wehidha: Kemm sar għalina faċli li nivintaw, norganzzaaw, nippjanaw, diskussjonijiet, storbju – djarju ġa mimli! – kulħadd jgerger li għandna wisq trufijiet!!! imma mbagħad ma nsibx appuntamenti mas-skiet, mal-ġabra, mal-ħsieb..bir-riskju li noħnoq l-ispirtu li hemm fija, li ngħaddi bla riflessjoni, li dejjem nevita nieqaf u naħseb. Anki hawn Marija tgħallima s-skiet iktar mil-ħoss, l-ġabra iktar mill-ħidma, ir-riflessjoni iktar mill-azzjoni. It-talbi hi għalhekk li f’din is-sena l-ġdida naħseb iktar f’Alla u li nqegħdu mill-ġdid fiċ-ċentru ta’ moħħI, qalbi u ta’ ħajti. Iva li naħdmu għalih..imma qabel xejn hemm din is-sejħa għal iżjed INTIMITA’ miegħu…anke biex nibqgħu narawh fl-istorja tagħna, biex insaffu kuljum il-‘jien’ minn dak kollu li nagħmlu!

3: It-tielet: Il-paċi li ġabilna Ġesu – utopja jew realta? Donnu in-nuqqas tal-paċi dejjem magħna (kemm qtil b’kull mod, aaggresvita’, rabja u negattivita’) Ovvja li realta, imma jekk ma nkunux sinċieri magħna nfusna faċli nagħmluha utopja bil-mod kif ngħixu: Kemm noborxuha l-paċI kuljum!

(a) meta ngħidu kelma żejda…. meta m’għandniex ngħiduha (kemm feriti u pjagi miftuħa);

(b) meta dik il-kelma/azzjoni li weġġgħatna ma nkunux kapaċi ninsewha u nibqgħu rridu l-vendetta, l-pound of flesh;

(c) meta nsibuha faċli nitkellmu dwar il-paċi bejn in-nazzjonijiet milli dik bejn il-familji/aħwa (ġenituri ma ulied u viċi-versa) u anke bħala poplu (it-tribalizmu li għad għandna);

(d) meta faċli ngħidu lil ħaddiehor x’għandu jagħmel imma mbagħad aħna nagħmlu l-maqlub ta’ dak li ngħidu lil ħaddiehor.

U allura tkun paċi meta

(a) negħlbu l-preġudizzji/l-isterjotipar, l-labels tagħna. Meta ma niġġudikawx lill-oħrajn minn kif jidhru/razza/kulur u li naċċetawhom anki jekk ma naqblux f’kollox magħhom. U tkun paċi

(b) daqs kemm nagħmlu ħilitna biex nersqu lejn l-oħrajn, nikkomunikaw magħhom u nippruvaw nifhmuhom. Il-paċi ma sseħħx jekk ningħalqu fina nfusna, (l-famuzi withdrawls tagħna) ma nitkellmux ma dak li jkun…. u nġorru fina rabja u tmaqdir għall-oħrajn.

Jekk ma naħdmux bis-serjeta’ fuq dan li għedt..tafu li kollox jibqa kliem u duħħan. Se nibdew sena ġdida..bħal lum hawn min jiddeletta b’ħafna riżoluzzjonijiet..meta mbagħad wara nindunaw li dawn baqgħu biss xewqat sbieħ. Irridu naħdmu fuqna nfusna. Hawn min twebbel li jaħli ħajtu jagħmel il-ħsara (il-famuza qalb tal-ġebel), jgħir, jkun kattiv (bil-malti..kelma kerha – aħdar), jizra s-sikrana! (meta jaħasra tant hu faċli tkun tajjeb). Hawn min daħal f’burdata li jkun dejjem negattiv, li jaħseb li d-dinja ddur miegħu, li jhedded, jibki lilu nnifsu (cry baby), li jitgħazzen…ma jagħmel qatt xejn – ħlief jilgħab bit-toys tiegħu. Li jwaħħal f’kollxo u f’kulħadd…naturalment barra fih innifsu.

Illum għalina jista jkun twelid ġdid – jekk nafdaw, jekk nintelqu fiħ. Aħna mhux nixirfu f’sena ġdida rridu..imma naqlilbu l-folja (l-isfida biex ninzgħu l-bniedem il-qadim u nilbsu l-bniedem il-ġdid).

• Mhux faċli tħalli warajk il-kumdita’ li tkun drajt biha. Kemm hu iebes tbiddel opinjoni, tammetti zball, tiċċaħħad minn dak li taf li qed jkissrek, taħfer u tħobb. Mhux faċli inwettqu r-rieda ta’ Alla. Fl-istess ħin nafu tajjeb li minn hawn tiġI l-paċI li qed infittxu. Hu jrid jgħidilna x’inhu tajjeb. Hu biss iwassalna għall-verita’ sħiħa. U forsi sigriet żgħir ta’ l-aħħar: li għandna bzonn nitgħallmu ngħixu kull ġurnata u kull minuta bħala bidu ġdid. Jalla dis-sena nduqu l-vera barka ta’ Alla:

• Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Muilej bi mħabba u jagħtik is-sliem!. ..hekk huma jsejħu ismi..u jien nberikom. (Numri 6, 22-27)

Leave a Reply

 

 

 

You can use these HTML tags

<a href="" title=""> <abbr title=""> <acronym title=""> <b> <blockquote cite=""> <cite> <code> <del datetime=""> <em> <i> <q cite=""> <strike> <strong>