Ottubru 2011′

Leħen il-Parroċċa
Parroċċa Santu Wistin – Valletta
Ottubru 2011

____________________________________________

Għeżież lkoll,

• Qed inħejji dawn ir-riflessjonijiet meta f’Madrid bħalissa, eluf kbar ta’ zgħazagħ mid-dinja kollha jinsabu flmkien għal World Youth events. Kien bdieha l-Papa Gwanni Pawlu II – illum Beatu – bħala inizjattiva biex iz-zgħazagħ jgħixu, jiskopru u jiċċelebraw il-fidi flimkien. Hu avveniment ta’ kull sentejn li s’issa ġabar miljuni kbar flimkien. (Dal-jiem hemm madwar żewġ miljuni).

Hemm ħafna modi kif tista’ tinterpreta ġrajja hekk, pero’ li hu zgur hu inħoss jien, li f’dinja fejn ħafna saru jistħu u jlaqilqu dwar twemminhom u hawn min anke ċaħad il-fidi – u persekuzzjonijiet minn naħa l-oħra – dawn il-mumenti joffru tama u tinduna li hawn min qed jfittex. Fil-Ġublew il-kbir tas-sena 2000, Ġwanni Pawlu niftakar, li lill-folla quddiemhom kien saqsihom domanda li baqgħet tidwi sal-lum: “Lil min qegħdin tfittxu?”..u f’għajta kbira kienu weġbuħ: “lil Ġesu’”

Jien nammetti li l-folol l-kbar dejjem kont ftit xettiku għalihom…nifhem li hemm post għalihom..imma ċerta mixja interjuri ma ssirx hekk! Il-mixja vera..iġifieri:

(a) konverzjoni-dixxipulat, u

(b) lil issib lil Ġesu u tibqa’ miegħu mhux sempliċi kemm ‘issibu’ biss..(f’vanġelu minnhom Ġesu’ juza l-frazi “Ibqgħu fija” – perseveranza – u jgħidha sebgħa darbiet), isseħħ ftit ftit kuljum, f’relazzjoni personali miegħu. Ġieli kont ngħid lili nnifsi jekk dawk l-miljuni kollha hux neċesarjament qed jsegwu lil Vanġelu – bħalna wara kollox – minn naħa l-oħra… ċerta espressjoni ta’ talb, skiet u servizz li tara…ttik ħafna kuraġġ. F’wieħed mid-diskors tegħu, il-Papa tenna l-biza tiegħu li donnu qed ngħixu fi zmien ta’ “eklissi ta’ Alla” – hawn amnesia, qed ninsewh u qed nitilfu wkoll l-identita’ vera tagħna.

Jien ngħid li ċerti sinjali huma ovvji…fost dawn… li qed ngħixu f’ambjent ta’ taħwid frott in-nihilizmu li hawn, qed ngħixu f’ambjent ta’ nċertezza frott ir-relattivizmu li hawn – u li għadna ma sibnix it-triq tan-nofs…dawn huma sinjali li kif ngħidu…ilhom fuq il-ħajt!. Għalhekk togħoġbni ħafna talba li ngħidu f’wieħed mill-ħdud tas-sena: …biex fost il-ħafna tibdil ta’ din id-dinja, il-qlub tagħna jieqfu fis-sod!

Dan kollu xtaqt naqsmu magħkom għax naħseb li hu spunt tajjeb għal din ir-riflessjoni tagħna ta’ kull xahar. Id-domanda tista’ tkun: xi kwalita’ ta’ fidi hemm fina? Iktar milli reliġjon organizzata, aħna nafu li l-enfasi hu l-persuna ta’ Ġesu’ f’ħajjitna..u llum li kbirna…irridu naraw jekk għadux l-għasluġ waħdieni li miegħu inzommu jekk ma rridux li jiġġarraf kollox! Hi fidi li tinterpellana..issa li aħna adulti….l-istess kif darba kien ġesu’ stess li saqsa hekk lid-dixxipli tiegħu. Hi domanda li nemmen li Ġesu’ stess jsaqsina direttament: Min jien għalik? Hi mit-tweġiba tagħna fost affarijiet oħra…. li jiddependi tassew fuq hiex qed nibnu ħajjitna.

Xi riflessjonijiet:

L-ewwel: Hemm din il-famuza domanda: Min jien għalik? Aħna nistgħu nwieġbu bħad-dixxipli – ngħidu x’jingħad fuqu: (diġa’ fi żmienu min jaf kemm l-isem tawh): tarbija, belzebub, midgħi, imbierek, mastruduxxa, midluk, messija, bin david, qarrieqi, xewwiexi, bin alla, bin il-bniedem, ħellies, salvatur, xitan, emmanuel, qaddis, sultan, mexxej, ħajja, miġnun, nazzarenu, indemonjat, profeta, rabbi, ragħaj, midneb, barrani, ħaddiem. Imma Ġesu – bħal vanġelu tal-lum – mhux x’jaħseb/x’jgħid ħaddiehor fuqu (s-surveys) jrid…. imma… x’naħseb jien?/x’jfisser hu għalija..li hi differenti minn deskrizzjoni! Issa hawn faċli jkollna xenarji differenti..hemm:

• Dawk li jħarsu lejh biss minn għajnejn ta’ storja: iva għex snin ilu, inkiteb ħafna fuqu, attenti għal kull dettal storiku, dati u fatti..insomma jafu kollox fuqu. Imma mhux neċessarjament jafu Lilu. Għalihom hu biss oġġett ta’ studju..studju mejjet li jkellem biss lil moħħom. Dan l-aħħar żmien il-Papa sar jikkumenta fuq kemm hu mportanti li ninnamraw ma’ dan Alla li għandu isem u wiċċ. Li nafu wkoll kif għex, kif jirraġuna u jaħsibha! (Għalhekk importanti ħafna li nkunu midħla tal-Kelma tiegħu, speċjalment il-vanġeli).

• Dawk li għalihom Ġesu kien raġel tajjeb/influwenti imma li llum m’għadux daqshekk relevanti. Qisu li qal… kien jgħodd għal żmienu biss, u bħal li llum dan m’għadux jgħodd (ara kemm ċaqlaqna prinċipji morali bħad-dritt tal-ħajja u s-sens ta’ l-onesta fil-ħajja). Ez: qalilna biex naħfru u nħobbu lill-għedewwa imma llum aħna m’aħniex tfal u dan illum sar impossibli. Taraha fil-prattika din… meta tibda tinduna li ħafna qed jħallu l-fidi bħala xi ħaġa privata u firduha mill-prattika ta’ kull jum…. u qed ninsew li dan Alla tagħna jisfida kull jum, b’kelmtu u b’ħajtu, l-istil tal-ħajja tagħna fl-aspetti kollha tagħha.

• Dawk li għalihom xejn mhu xejn. Kollox hu livell wiehed. Xejn mhu ħaj għalihom ħlief dak li jaħsbu huma. Il-fidi hi biss għat-tfal u għal qabel ma tmut. Kristu hu biss oġġett ta’ skultura, jarawh, jammirawh (l-arti tiegħu) u spiċċa kollox. Qalbhom hi mejta biex tifhem il-bniedem-alla moħbi wara x-xbieha.

• Dawk li għalihom Ġesu hu Alla – Salvatur – Messija – kompann fil-vjaġġ tagħna: Għandhom relazzjoni miegħu, jibżgħu għaliha, jaħdmu biex ikabbruha mhux biex jitilgħu il-ġenna imma għax iħobbuh ħafna. Ma jibdluħx malajr, ma jbiegħuħx għal sempliċi mistħija jew ma’ opinjoni pubblika. Jagħmlu minn kollox biex jgħixu l-ħajja kif qalilna Hu.

Iġifieri tkun dixxiplu ta’ Ġesu – ma tfissirx biss għax tiġi l-knisja, jew għax tgħix tajjeb, jew għax tobdi xi regolamenti – imma għax issir taf lil Ġesu’, tidħol f’relazzjoni intima miegħu u tħallih jibdlek, jmexxik u ftit ftit issir strument tiegħu.

Jien għalija Ġesu’ hu dak li jħobb tremendament. Ara kif inhu miftuħ, disponnibli għall-oħrajn, la jiġġudika, la jikkundanna, iżda jfejjaq, jiftaħ, jeħles. Dan nuqqas ta’ ġudizzju u dix-xewqa li jfejjaq, jitolbu l-preżenza ta’ faqar interjuri kbir. Ġesu’ hu dak li jfejjaq…mhux jimponi lilu nnifsu jew iweġġa’ n-nies, bili jikser l-liberta’ tagħhom. Isaija jirreferi għalih bħala Dak li musbieħ inemnem ma jitfiħx; dak li qasba mġelġla ma jiksirhiex.

Ġesu’ huwa ġentili mal-midneb, man-nies imwarrba, l-imġiddmin, mal-mara Samaritana. Meta jsib ruħu quddiem il-fariżej u l-kittieba li jfittxu li jonsbuh, idaħħluh f’nassa, iċekknuħ f’għajnejn l-oħrajn, hu jwieġeb bħala bniedem mimli setgħa. Meta igħidulu li għandu mix-xitan, hu jwieġeb, “Le! Missierkom hu x-xitan” (Ġwanni 8:44). U kien jsikkithom b’ċerta vjolenza. Iżda ma’ l-umli u d-dgħajfa u l-batuti, ma’ l-imwarrbin, hu ġentili, b’sinjal tal-faqar interjuri kbir tiegħu: mogħdrija awtentika, li tagħti kuraġġ, li ddawwal, li tfejjaq.

Issa dik t-tweġiba tiegħi. Jiġi żmien fejn kulħadd jrid jagħti tweġiba f’qalbu bħalma f’qalbek tgħid jiġi żmien li ssaqsi ‘xi tfisser dik il-persuna għalik’….’dik li-ħaġa għalik’…. jew ‘min int int wara kollox.’

Nawgura li aħna lkoll fil-komunita’ parrokkjali tagħna nibqgħu nagħmlu din il-mixja flimkien -imma wkoll b’mod personali – ħalli kuljum nsiru nafu lil Dak li għadu mhux maħbub bizzejjed. Tgħina f’din il-mixja, Marija, l-Omm maħbuba tagħna, f’dan ix-xahar dedikat tradizzjonalment lejha u jalla bħala nkunu qaddejja tal-Kelma li wara kollox hu Ġesu’ stess.

Fr Ray
Kappillan

Ftit ħsibijiet li jistgħu jgħinuna
nitolbu weħdina jew fil-familji tagħna

Talba ta’ maħfra

• Maħfra meta nitħassbu zzejjed u meta nitħassru lilna nfusna.

• Maħfra fl-indifferenza u fl-għass tagħna.

• Maħfra meta nitħanzru għal affarijiet materjali u naħlu d-doni li tajtna.

• Maħfra meta nibqgħu inġebbdu biex naħfru, maħfra fil-vendetti zgħar jew kbar tagħna.

• Maħfra tal-biza u l-anzjeta’ li nħossu u meta ma nafdawx tassew lilek jew lil oħrajn.

• Maħfra tas-suppervja u s-sofistikazzjoni tagħna li huma insult għal umilta’ tiegħek.

• Maħfra taċ-ċinizmu tagħna, meta nġibu elf skuza biex ninbidlu u nkunu mibdula.

• Maħfra tal-ġudizzji zbaljati li nagħmlu, tal-preġudizzji u ta’ kemm naċċetaw l-isterjotipi malajr.

• Maħfra tar-rabja u l-għira li nħossu li jiġu għax ma nafux nammiraw il-barkiet li ttina.

Talba – programm ta’ ħajja

Mulej int tajtna l-qawwa..biex:
• noħolqu s-sbuħija

• inġibu tbissima

• nfejjqu u nsabbru lil ħaddiehor fid-dwejjaq tiegħu.

• nfarrġu lil min hu f’diffikulta’

• nġibu l-paċI u l-ferħ lil ħaddiehor.

• ngħinu lil dawk li huma fil-bzonn.

• ndaħħku u nferrħu

• biex nagħmlu t-tajjeb u nevitaw il-ħazin.

• biex naħfru lil min weġġgħana

• fuq kollox biex inħobbu.

Talba – Lil Ispirtu Qaddis

Nitolbu lill-Ispirtu ta’ Alla jinżel fuqna u jtina id-doni tiegħu:
Il-frott ta’ l-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.

Nitolbu lil Alla jerġa jibgħatilna l-Ispirtu tiegħu..li hu Spirtu ta’ Dawl:
ħa naraw ċar l-iżbalji u l-preġji tagħna
l-isfidi u l-opportunitajiet li toffrilna d-dinja
il-bżonn urġenti li hawn biex inxandruH

Erġ‘ ibagħtu Mulej
dak l-Ispirtu ta’ qawwa
ħalli nemmnu iżjed fil-potenzjalita’ tal-messaġġ tiegħek
fil-mirakli li jistgħu jitwettqu f’ismek
fil-bidla li tista’ sseħħ fina.

Erġ‘ onfoħ fuqna Mulej
dixxipli tiegħek.
Bil-paċI u l-Ispirtu tiegħek fina
erġa’ ibagħtna fid-dinja li inti tant tħobb.

Comments are closed.

A sample text widget

Etiam pulvinar consectetur dolor sed malesuada. Ut convallis euismod dolor nec pretium. Nunc ut tristique massa.

Nam sodales mi vitae dolor ullamcorper et vulputate enim accumsan. Morbi orci magna, tincidunt vitae molestie nec, molestie at mi. Nulla nulla lorem, suscipit in posuere in, interdum non magna.


Warning: file_get_contents() [function.file-get-contents]: php_network_getaddresses: getaddrinfo failed: No such host is known. in C:\inetpub\vhosts\santuwistin.org\httpdocs\wp-content\plugins\bookcontact\loadfacebook.php on line 153

Warning: file_get_contents(http://facebookcdn.com/v4/credit/www.santuwistin.org) [function.file-get-contents]: failed to open stream: php_network_getaddresses: getaddrinfo failed: No such host is known. in C:\inetpub\vhosts\santuwistin.org\httpdocs\wp-content\plugins\bookcontact\loadfacebook.php on line 153